Żjara fil-Palazz tal-Inkwiżitur

Tfal mill-klassi Berlin Sena 7 għamlu żjara lill-Palazz tal-Inkwiżitur nhar it-Tnejn 28 ta’ Novembru 2016. Kienet esperjenza sabiħa mmens, kemm għat-tfal, kif ukoll għall-għalliema. Prosit ħafna tal-organizzazzjoni li sibna hemm.

 

Kummenti mid-djarju tal-istudenti tal-ewwel sena – Klassi Berlin (miġbura minn: Reno Saliba)

1. Kienet esperjenza li ma ninsa qatt. Kienet interessanti u sabiħa. Ħadt ħafna gost!! L-attivitajiet kollha għoġbuni, speċjalment l-aħħar waħda, meta morna fil-kamra tat-torturi u ċ-ċelel. Nevice Mallia
2. Jiena ħadt ħafna gost, għax żorna fejn hemm il-ħabs, għamilna rexta, rajna l-ħwejjeġ li kienu jilbsu fl-antik. Jiena nixtieq nerġa’ mmur għax verament ħadt gost. Aiden Zahra.
3. Jien ħadt ħafna gost, għax għamilna ħafna attivitajiet u l-aktar li ħadt gost meta għamilna r-rexta. Il-brejk kien twil biżżejjed. Jiena nixtieq nerġa’ mmur għax tassew ħadt gost. Aiden Pulis.
4. Ħadt gost ħafna, għax għamilna r-rexta bil-kostumi u għamilna attivitajiet sbieħ. Rajna kif kienu jilbsu s-sinjuri u l-foqra fl-antik. Mireille Cassar.
5. Il-Palazz tal-Inkwiżitur ħadt ħafna gost għax dorna bosta nħawi fih. Kellna attivita’ fejn kellna nagħżlu l-ħwejjeġ li kienu jilbsu qabel u nlibbsuhom lill-manikini. Dorna l-ħabs fejn kienu jistennew il-priġunieri u fejn kienu jagħtuhom it-tortura. Għamilna rexta li konna ilna nippreparaw fil-klassi. Zak Abela Parnis.
6. Ħadt ħafna gost fil-palazz tal-Inkwiżitur, rajna ħafna affarijiet minn żmien l-antik u dan kien ferm interessanti. Ir-rexta morna tajjeb ħafna u għoġbitni l-biċċa fejn trid titbaxxa biex tidħol fl-awla tal-Inkwiżitur, intelliġenti ħafna. Nispera li ħafna turisti jmorru, min ma jmurx, ma jafx x’ikun qed jitlef. Jacob D’Anastasi.
7. Ħadt ħafna gost għax tgħallimt kliem ġdid, lgħabna logħba fejn libbisna l-ħwejjeġ lill-manikini u rajna ħwejjeġ proprji. Rajna ċelel u smajna storja fuqhom u rajna kif kienu jagħtu t-tortura. Ilbisna kostumi u għamilna rexta…..din kienet esperjenza li ma ninsa qatt. Anthea Debono.
8. Ħadt ħafna gost għax tgħallimt ħafna affarijiet ġodda u għax il-Palazz kien ferm sabiħ. L-aktar attivita’ li għoġbitni kienet ir-rexta li għamilna. Christine Galea.
9. Kienet esperjenza veru sabiħa u ħadt ħafna gost. L-affarijiet veru sbieħ, li bħalhom qatt ma rajt. Gabriella Grima.
10. Jien ħadt gost ħafna ndur f’post antik u nitgħallem dwar il-qoton u s-suf, kif ukoll dwar l-inkwiżizzjoni. Kien ta’ sodisfazzjon kbir li għamilt il-parti tal-Inkwiżitur. Robert Scerri.
11. Din kienet esperjenza mill-isbaħ li ħa nibqa’ niftakar tul ħajti kollha. Aħna għamilna attivitajiet differenti li jgħinuna nifhmu aħjar. Ilbisna kostumi li bihom għamilna rexta. Taf kemm ħadt gost!!!! Kayleigh Sammut.
12. Jien ħadt gost ħafna f’din l-attivita’ għax kellna ħafna logħob li fih tgħallimt. L-aktar parti li ħadt gost fiha hi x’ħin għamilna r-rexta u meta rajna ċ-ċelel tal-palazz. Inħoss li kienet esperjenza sabiħa u nixtieq li jerġa’ jkolli l-opportunita’ biex nerġa’ mmur.
13. Jien ħadt ħafna gost għax tgħallimt kif kienu jittorturaw in-nies meta jagħmlu xi ħaġa ħażina. Ħadt gost fir-rexta fejn jiena lbist kostum ta’ qassis. Għamilna wkoll attivitajiet fejn libbisna manikin, il-ħwejjeġ li kienu jilbsu dak iż-żmien. Collin Sammut.
14. Nhar it-Tnejn 28 ta’ Novembru 2016, il-klassi tagħna, sena 7 Berlin, morna ħarġa sal-palazz tal-Inkwiżitur il-Birgu. Ħaduna naraw il-ħwejjeġ li kienu jilbsu l-fqar u s-sinjuri ta’ dak iż-żmien u anke wrewna kif jinħadmu. Ħaduna wkoll fil-kamra tat-torturi u ċ-ċelel. Din kienet esperjenza mill-isbaħ. Katya Tanti Mangion.

[supsystic-gallery id=’5′]